Aktar dettalji fuq it-tkeċċija tal-uffiċjali għolja tal-FIAU

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li d-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar l-impjegati tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), kienu fl-interess tal-istess Aġenzija.
Scicluna kien qiegħed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Mario Galea li staqsa għaliex żewġ uffiċjali għolja tal-FIAU, Charles Cronin u Johnatan Ferris, kienu “mitluba jbattlu l-iskrivanija tagħhom u jitilqu minn xogħolhom.”
Galea insista li dawn iż-żewġ persuni kellhom esperjenza fil-qasam, anke barra minn Malta u staqsa jekk il-Gvern hux jibża’ li dawn setgħu qdew dmirhom u kixfu każijiet ta’ korruzzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Scicluna, filwaqt li ma ċaħadx li tkeċċew, qal li l-impjieg ta’ Cronin u Ferris ġie tterminat skont il-liġi matul il-perjodu ta’ prova (probation).
Saħaq li m’hemm xejn li jindika li d-deċiżjonijiet ma ttieħdux abbażi ta’ kriterji oġġettivi u fl-aħjar interess tal-FIAU.
Il-Ministru insista li ma kien hemm l-ebda indħil u li l-FIAU taġġixxi b’mod awtonomu skont dak deċiż mill-bord maniġerjali tiegħu.
Temm jinsisti li rapporti li dehru fuq il-midja u anke dak li qal id-Deputat Galea, huma “infondati” u “bla sostenn.”
Kien id-deputat tal-PN Jason Azzopardi li ħabbar “it-tkeċċija” tal-Head of Compliance tal-FIAU Charles Cronin.
Aktar tard kien sar magħruf li jiem qabel kien spiċċa minn xogħlu il-Kap tas-Sezzjoni tal-Analiżi Finanzjarja Jonathan Ferris.
Fi żmien li dawn waqqfu jaħdmu mal-FIAU, l-Aġenzija kienet tinsab fiċ-ċentru ta’ kontroversja wara li rapport żvela li l-investigaturi fl-FIAU talbu lill-pulizija tinvestiga liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fuq suspett ta’ ħasil ta’ flus.
Preżentament il-Kap tal-FIAU huwa Kenneth Farrugia, li ħa t-tmun f’idejh disa’ xhur wara li Manfred Galdes irreżenja fid-dawl tal-kontroversja tal-Panama Papers.
Jiem ilu, il-Ministru Scicluna wieġeb l-istess liċ-Chairman tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Panama Papers, Werner Langen.