Aktar dettalji dwar il-każ Egrant

Wara li rapport tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew żvela li l-eksimpjegata tal-Bank Pilatus kienet qalet li hi mhux is-sors oriġinali fil-każ tal-kumpanija Egrant, illum ħarġu dettalji ġodda.
F'intervista mal-blogger Manwel Delia, il-Whistleblower Russa, Maria Efimova, spjegat kif il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia diġà kellha f’idha kopji tad-dokumenti li allegatament juru li l-kumpanija Egrant fil-Panama hija ta’ mart il-Prim Ministru Michelle Muscat.
B’hekk wieħed jista’ jifhem li l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ma qabditx u ppubblikat l-istorja iżda kkonfermata ma’ aktar minn sors wieħed.
“Meta ltqajna għall-ewwel darba, Caruana Galizia diġà kellha kopja tad-dikjarazzjonijiet tat-trust. Uriethom lili u staqsitni jekk kinux vera u jekk kontx rajthom qabel fil-bank, u jien għidtilha iva, kont rajt dawk l-istess dokumenti,” saħqet Efimova.
Il-Whistleblower Russa spjegat li hi kienet ikkuntatjat lil Caruana Galizia f’Ottubru tal-2016 u weġbitha lura fi Frar tal-2017. Iltaqgħu għall-ewwel darba fil-bidu ta’ Marzu, ftit ġimgħat qabel ma’ ppubblikat l-artiklu dwar il-kumpanija Egrant.
“Ma għadx għandi aċċess għad-dokumenti”
Manuel Delia jistaqsi lil Efimova jekk għandhiex aċċess għad-dokumenti, mhux biss dwar Egrant, imma anke dwar tranżazzjonjiet oħra suspettużi u jekk ħarġitx minnhom barra mill-bank.
Iżda Maria Efimova twieġeb li qatt ma ħarġet dokumenti u ma għandha l-ebda aċċess għalihom.
“Fi tliet xhur rajt ħafna tranżazzjonijiet suspettużi”
Fit-tieni parti tal-intervista, Maria Efimova tgħid li fi tliet xhur, minn Jannar sa Marzu 2016, li damet taħdem fil-Bank Pilatus kienet rat diversi każijiet ta’ tranżazzjonijiet suspettużi.
Tispjega kif hi, għall-kuntrarju tal-impjegati kollha, kellha l-esperjenza u t-taħriġ biex tinduna b’każijiet bħall-ħasil tal-flus.
Kien għalhekk li tkellmet madwar għaxar darbiet mal-uffiċjal legali u anke mal-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-bank, iżda kull darba li ġibdet l-attenzjoni, qatt ma sar xejn.
Fost oħrajn, skont dak li kienet kitbet Daphne Caruana Galizia, il-kont ta’ Egrant f’Dubaj kien irċieva diversi tranżazzjonijiet, fosthom wieħed ta’ $1 miljun, minn kont tal-Bank Pilatus li s-sid tiegħu kienet kumpanija rreġistrata f’Dubaj, liema kumpanija hija ta’ bint id-Dittatur tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev.
“Riedu jibagħtuli messaġġ”
Dwar id-diżgwid li kellha mal-bank, il-fatt li ma kinux qed iħallsuha u anke l-akkużi ta’ miżaproprijazzjoni li fetaħ fil-konfront tagħha, Maria Efimova saħqet li dawn kienu mossi biex jagħlqulha ħalqha.
Spjegat li ppruvat tfittex l-għajnuna minn diversi awtoritajiet, saħansitra tgħid li ċemplet Ministru u anke talbet l-għajnuna tal-Prim Ministru iżda ħadd ma ta kasha u kien għalhekk li ddeċidiet li tuża l-informazzjoni li kellha kontra l-bank.
Kien hawn li għamlet l-ewwel kuntatt mal-ġurnalista, illum assassinata, Daphne Caruana Galizia.
Kif wieġeb il-Prim Ministru għall-fatt li Efimova mhijiex is-sors oriġinali?
Intant, fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-uniku ħaġa ġdida li ħareġ mir-rapport tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, kien li Maria Efimova ma kinitx is-sors oriġinali fil-każ tal-kumpanija Egrant.
Filwaqt li injora l-fatt li allegatament kien hemm sors ieħor li wassal l-informazzjoni lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Joseph Muscat, sa dalgħodu stess, qal li dak li ħareġ mir-rapport ikompli jikkonferma kemm dak li ntqal fuqu u fuq il-familja tiegħu kien gidba mill-bidu sal-aħħar.
Waqt intervista li saritlu fuq il-BBC, il-Prim Ministru Joseph Muscat reġa’ insista li jekk ikun hemm imqar prova waħda, jirriżenja.
Fejn tinsab Efimova?
Minn meta Efimova ħalliet ħabta u sabta Malta, ħadd ma skopra fejn tinsab.
F'Awwissu li għadda, il-Qorti ħarġet mandat ta' arrest internazzjonali wara li Efimova falliet kemm-il darba milli tidher il-Qorti fil-każ miftuħ kontriha mill-Bank Pilatus (ara aktar 'il fuq).
Jiem wara l-assassinju ta' Daphne, Efimova kienet qalet li kienet Daphne stess li qaltilha titlaq mill-pajjiż u saħqet li hi kellha tagħmel l-istess.