“Aktar ċans għal attività illegali bit-tneħħija tar-rekords mir-Reġistru tan-Negozji”

Aġġornat 02:19 PM
alejandro-escamilla
Photo by: Unsplash

Read in English.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) u l-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia qalu li bid-deċiżjoni li jitneħħew ir-rekords tal-kumpaniji mir-Reġistru tan-Negozju online, hemm aktar ċans li jkun hemm attività illegali.

Fi stqarrija konġunta, l-IĠM u l-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia ddiskutew id-deċiżjoni meħuda mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri f’Lulju li għadda, meta ħabbar li aktar minn 10,000 rekord ta’ negozju tneħħew mir-Reġistru biex ir-reġistru “jitnaddaf.”

L-istqarrija tgħid li kumpaniji li jkunu qegħdin jaġixxu b’mod illegali issa jistgħu jwettqu dak li jridu u jagħlqu l-kumpanija bi ftit traċċi tal-attività tal-kumpanija tagħhom. L-Istitut u l-Fondazzjoni argumentaw li minflok titneħħa l-informazzjoni, Malta għandha żżid ir-riżorsi kif timmoniterja l-eżattezza u l-verità tad-dettalji provduti mill-kumpaniji.

Apparti dan, din id-deċiżjoni ħadet l-għodda li kellhom il-ġurnalisti investigattivi biex jinvestigaw kumpanija u jirrappurtaw fuq kwistjonijiet li jinteressaw lill-pubbliku.

Issa, fir-Reġistru, jidhru biss l-isem u d-data meta twaqqfet il-kumpanija, għal dawk il-kumpaniji li ma tawx informazzjoni fuq min hu sidhom jew dwar ir-rapporti annwali tagħhom. Mistoqsijiet fuq kumpaniji li m’għadhomx jeżistu issa jridu jsiru wiċċ imb wiċċ fl-uffiċċju tar-Reġistru, bi ħlas ta’ €20 għal kull fajl.

L-IĠM u l-Fondazzjoni komplew jgħidu li fir-Renju Unit, biex jissalvagwardjaw ir-reputazzjoni tagħhom, Companies House, l-ekwivalenti tar-Reġistru tan-Negozji Malti, ħabbret li mhux se tibqa’ tneħħi r-rekords ta’ kumpaniji li m’għadhomx jeżistu mis-sit tagħha, u se ddaħħal rekords li tneħħew qabel.

Din id-deċiżjoni, skont l-IĠM u l-Fondazzjoni, taffettwa wkoll lil ġurnalisti jew investigaturi barranin, peress li dawn iridu jiġu Malta biex jindagaw fuq kumpaniji li m’għadhomx jeżistu.

Dan, issoktaw jgħidu, imur kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-MONEYVAL.

Il-PN jistenna li l-Ministru jreġġa’ d-deċiżjoni lura

Il-Partit Nazzjonalista jqis id-deċiżjoni li l-informazzjoni dwar kumpaniji li ġew maqtugħa mir-reġistru tal-kumpaniji ma tibqax aċċessibbli online bħala waħda li tmur kontra t-trasparenza u l-governanza tajba u tkompli tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta.

Għalhekk, fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba Karol Aquilina, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech, huma qalu li jistennew lill-Ministru Silvio Schembri li jagħti ordni biex id-deċiżjoni titreġġa’ lura.

L-istqarrija tgħid li fiċ-ċirkostanzi li għaddejja minnhom Malta, “huwa kruċjali li l-awtoritajiet ma jiħdux deċiżjonijiet li jagħtu l-impressjoni li Malta saret ġuriżdizzjoni sigrieta li tiġbed lejha negozji u persuni li għandhom x’jaħbu. Filwaqt li huwa tajjeb li l-Malta Business Registry tnaddaf ir-reġistru tal-kumpanija minn dawk il-kumpaniji li m’għadhomx attivi, madankollu dan m’għandux isir b’detriment għall-obbligu tat-trasparenza u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni.”