Aktar bżonn ta’ donazzjonijiet tad-demm

Il-bidu tas-sena ġġib magħha domanda kbira għad-demm u din tħalli pressjoni kbira fuq is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm biex jipprovdi d-demm lill-isptarijiet.
Is-Servizz iħeġġeġ lil kulħadd biex jagħti d-demm, speċjalment fil-perjodu ta’ wara l-festi tal-Milied meta jiżdied in-numru tal-operazzjonijiet.
Min jixtieq iserraħ moħħ il-pazjenti li fil-jiem li ġejjin se jiġu operati, jista’ jagħti d-demm billi jżur ċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġja.
Dan jiftaħ kuljum, anke fil-festi pubbliċi, mit-8am sas-6pm.
Nhar il-Ħadd li ġej, wieħed jista’ jżur il-Mobile Blood Donation li se jkun stazzjonat fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja Arċipretali tal-Mellieħa.
Barra minn hekk, professjonisti mid-Dipartiment tal-Kura Primarja se jagħtu xi servizzi marbuta mas-saħħa, fosthom il-kejl tal-pressjoni u l-livell taz-zokkor fid-demm. Il-ħin allokat għal din is-sessjoni hu bejn it-8.30am u s-1pm.
Is-Servizz javża wkoll li mit-Tlieta 19 ta’ Jannar  bejn is-1pm u l-5pm, id-Dipartiment tal-Outpatients fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex se jkun disponibbli għan-nies li jixtiequ jagħtu d-demm.
Wieħed għandu jieħu miegħu l-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew il-passaport Malti, u jħajjar lil ħaddieħor jagħmel bħalu.