Aktar bastimenti tal-gwerra fil-Mediterran

Ir-Russja u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika bagħtu bastimenti tal-gwerra fil-Mediterran, hekk kif kibret l-aspettattiva ta’ attakk imminenti fuq is-Sirja.

Ir-Russja, li hija alleat tas-Sirja, skont l-aġenzija ta’ l-Aħbarijiet Interfax, se tibgħat il-bastiment tal-gwerra ta’ kontra s-sottomarini u l-krużer il-Moskva (ritratt nru 2) mgħammar bil-missili.   In-Navy Russa minn naħa tagħha, ma tgħidx kemm għandha bastimenti fil-Mediterran, ċaħdet li dawn il-bastimenti fil-Mediterran huma marbuta mal-kriżi Sirjana, u qalet li huma parti minn rotazzjoni ppjanata mill-bastimenti tagħha fil-Mediteran.

Uffiċjal tad-Difiża Amerikan, minn naħa tiegħu kien irrapurtat li qal li l-ħames destrojer, il-USS Stout (ritratt nru 1)  mistenni jieħu post il-USS Mahan, iżda ż-żewġ bastimenti jistgħu jibqgħu għall-mument fil-Mediterran.  Franza bagħtet wieħed mill-aħħar frejgati tagħha Chevalier Paul (ritratt nru 3)  fil-Lvant tal-Mediterran.

Ir-Russja hija kontra intervent militari fis-Sirja.  L-opinjoni pubblika fil-Ġermanjza hija kontra azzjoni militari fis-Sirja, u l-Ingilterra, il-parlament ivvota kontra azzjoni simili.  Iċ-Ċina wissiet lill-Punent li hi kontra li tittieħed azzjoni militari. L-Italja, filwaqt li tikkundanna lir-reġim ta’ Assad qalet li mhux lesta tissieħeb f’operazzjoni militari mingħajr l-awtorizazzjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.

Il-President Amerikan Barack Obama qal l-Istati Uniti ta’ l-Amerika qed tikkunsidra twettaq azzjoni limitata bi tweġiba dwar l-allegat użu ta' armi kimiċi mill-armata Sirjana.    Obama saħaq li l-ebda deċiżjoni finali ma ttieħdet, imma eskluda li jkun hemm suldati Amerikani fuq l-art.  Is-Sirja qalet li l-allegazzjoni ta’  l-Istati Uniti kienet kolllha gideb, u waħlet fir-ribelli għall-attakk.  Minn naha l-oħra l-President Franċiż Francois Hollande tenna l-appoġġ tiegħu għall-pożizzjoni ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

Sadanittant, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Ban Ki Moon invoka n-naħat kollha biex iżommu milli jwettqu attakk militari.  Tim ta’ spetturi tal-Ġnus Magħquda (ritratt nru 4) kellhom jispiċċaw investigazzjoni dwar l-allegat użu ta’ kimika f’attakk li allegatament sar u ħalla 1,300 persuna mejta.