Aktar atturi jingħaqdu f’L-Għarusa

Ritratt: Facebook

L-intriċċi fit-tieni staġun tas-sensiela L-Għarusa mhux se jonqsu hekk kif il-puntati l-ġodda se jġibu magħhom karattri ġodda, li jfissru wkoll uċuh ġodda għal din is-sensiela.

L-eks Miss World Malta Michela Galea se tkun qed tinterpreta l-karattru ta’ Carlotta, li se tkun qed tasal fid-dar tal-familja Gauci Fontana u se tkun qrib il-kuġina tagħha Bettina.

Ritratt: Reno Rapa

Galea hija wkoll magħrufa fix-xena mużikali u s-sena l-oħra rebħet ukoll L-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta Mhux Kulma Jleqq Deheb.

Magħha fl-istorja se naraw lil Enrico, karattru li se jkun qiegħed jiġi nterpretat minn Rudy Emmanuel Catania, attur li rajnih f’għadd kbir ta’ sensiliet fuq it-televiżjoni bħal Viġilante, Santa Monika, La Farfalla, Emilia, Zafira, Rifless u Il-Patt.

Ritratt: Facebook

Apparti minn hekk tħabbar ukoll li t-tim tad-diretturi ta’ L-Għarusa se jkun qiegħed jikber hekk kif ma’ Steven Dalli u Justin Farrugia, se jkun qiegħed jingħaqad ukoll Clive Piscopo, li huwa wkoll attur.

AQRA: Filmat: Kif se tkompli l-istorja ta’ Bettina u Diego f’L-Għarusa?

L-Għarusa għandu produzzjoni ta’ SharpShoot Media, u se tuxxandar fuq TVM mit-Tlieta 1 ta’ Ottubru wara l-aħbarijiet tat-8pm fuq TVM.