Aktar attivitajiet organizzati mill-ASMK

Nhar il-Ħadd li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) se torgranizza is-seba’ programm bis-sezzjoni Autocross u t-tielet programm għall-Motocross.
Intant ħarsa lejn il-klassifika ġenerali tal-Motocross, fi Klassi A nsibu lil Clayton Camilleri fuq mutur KTM 250cc fil-quċċata tal-klassifika b’102 punti.
Fit-tieni post hemm Paul Muscat fuq KTM b’96 punt waqt li fit-tielet post bħalissa jinsab Edward Ciantar fuq mutur Kawasaki b’79 punt.
Fir-raba’ post insibu lil Trevor Muscat fuq mutur KTM b’75 punt.
Fi Klassi B, Ludvick Muscat fuq mutur KTM jinsab fil-quċċata tal-klassifika b’105 punti.
Fit-tieni post hemm is-sewwieq Għawdxi Adam Sultana fuq mutur Kawasaki b’83 punt, fit-tielet post insibu lil Elvin Debono fuq mutur Kawasaki b’69 punt u fir-raba’ post hemm Julian Abela fuq mutur Honda b’59 punt.
Fis-Sezzjoni Autocross wara li għadda nofs il-kampjonat, fil-quċċata tal-Kampjonat Nazzjonali nsibu lill Philip Joe Vella fuq Opel Corsa b’133 punt. Vella jinsab segwit minn Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo b’111 punt, Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo b’99 punt u Jason Martin fuq Volkswagen Polo bi 83 punt.
Intant il-Ħadd li għadda kompla l-kampjonat Trials fejn għall ħabta tad-9:00am ingħatat bidu għall-ewwel sezzjoni.
Sfortunatament l-attività kellha tieqaf għal ċertu ħin minħabba inċident żgħir fejn wieħed mill-kompetituri kellu jittella mil-post fejn kienet qed issir l-attività.
Minħabba li l-Ambulanza titlaq minn fuq il-post, ġie deċiż bħala waħda mill-misuri li tieħu l-ASMK, li mingħajr l-Ambulanza l-attivitajiet ma jitkomplewx.
L-attività Trials ġiet posposta għal nhar il-Ħadd 15 ta’ Frar 2015 u aktar dettalji jingħataw -il quddiem.