Aktar attivitajiet f’Malta b’rabta mal-kanonizzazzjoni taż-żewġ Papiet

Fil-gżejjer Maltin din il-ġimgħa se jissoktaw l-attivitajiet organizzati mill-Fondazzjoni JP2 b’rabta mal-kanonizzazzjoni ta’ Ġwanni Pawlu II u Beatu Ġwanni XXIII f’inqas minn ġimagħtejn oħra.
Għada t-Tlieta 15 ta’ April il-kor Chorus Urbanus se jagħti kunċert għall-Ġimgħa Mqaddsa fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Nikola fis-Siġġiewi. Il-kors se jibda fis-7.30pm u se jkun taħt il-patroċinju tan-Nunzju Appostoliku għal Malta Arċisqof Aldo Cavalli.
Fis-26 ta’ April, lejlet il-jum tal-Kanonizzazzjoni, se ssir ċelebrazzjoni Ewkaristika fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu fis-6.30pm. Il-quddiesa se tkun imxandra fuq TVM2. Il-pubbliku huwa mistieden jattendi.
Fil-jiem li għaddew fil-Knisja Parrokjali ta’ San Lawrenz fil-Birgu ttella’ kunċert ta’ mużika sagra mill-Valparaiso University Chamber Ensembel mill-Istati Uniti.
Kunċert ieħor sar mill-Chorus Urbanus fil-Knisja tal-Corpus Christi fl-Għasri, taħt id-direzzjoni ta’ Mro Dr John Galea.