Aktar arresti b’rabta mal-hack tal-BOV

NCA

Read in English.

Tliet persuni oħrajn ġew arrestati dalgħodu fl-Ingilterra b’rabta mal-hack li kien sar fuq il-Bank of Valletta (BOV).

Fi stqarrija l-Aġenzija Nazzjonali tal-Kriminalità (NCA) fl-Ingilterra qalet li t-tliet arresti saru f’Belfast u f’Londra. Raġel ta’ 33 sena inżamm arrestat dwar suspetti ta’ ħasil tal-flus, frodi u serq fl-ajruport ta’ Heathrow waqt li hu kien qed jirritorna miċ-Ċina. Hu ġie interrogat mill-NCA u nħeles mill-arrest qabel ma jitkomplew l-investigazzjonijiet.

Intant, dalgħodu żewġt irġiel, wieħed ta’ 23 sena u ieħor ta’ 24 sena ġew arrestati bl-istess suspetti wara li raddew ruħhom f’għassa tal-Pulizija f’Belfast. Huma baqgħu jinżammu taħt arrest.

Dawn l-arresti seħħew wara l-arrest ta’ tliet persuni oħra lbieraħ. L-NCA kienet qalet li t-tliet arresti saru f’Belfast u f’Londra bħala parti minn investigazzjoni dwar ħasil tal-flus b’rabta ma’ serqa elettronika minn bank f’Malta.

L-NCA qalet li fi Frar 2019 intuża malware biex jitneħħew madwar €13-il miljun minn kontijiet li kienu qed iżommu flus tal-bank. L-Aġenzija qalet li intużaw numru ta’ kontijiet biex jirċievu dawn il-flus, fosthom kien hemm kont f’Belfast. Madwar €949,000 ġew trasferiti fih.

Fis-sigħat ta’ wara, saru numru ta’ ħlasijiet b’card u withdrawals ta’ flus kontanti – madwar €400,000 qabel ma setgħu jiġu blukkati.

Fosthom kien hemm ħlasijiet fi ħwienet rinomati bħal Harrods u Selfridges f’Londra. Madwar €130,000 intefqu fuq arloġġi tar-Rolex. Saru wkoll ħlasijiet għal Jaguar u Audi A5 għand dealer tal-karozzi.

L-awtoritajiet Maltin kienu avżaw lill-NCA u skattat investigazzjoni dwar min kien wara l-ħlasijiet.

L-NCA qalet li dan wassal għall-arrest ta’ żewġ żgħażagħ li għandhom 22 u 17-il sena f’rejds f’West Hampstead u Ladbroke Grove f’Londra. L-arresti saru fit-22 ta’ Jannar. Raġel ieħor ġie “interviewed under caution”.

L-NCA qalet li llum uffiċjali tagħha arrestaw raġel ta’ 39 sena fuq suspett ta’ ħasil tal-flus, frodi, u serq.

Uffiċjali tal-pulizija għadhom qed ifittxu għadd ta’ persuni oħra b’rabta mal-investigazzjonijiet.

Il-kmandant ta’ NCA Belfast, David Cunningham, tkellem dwar il-każ.

“Il-mira tal-investigazzjoni tagħna hija dwar dawk suspettati li għenu fil-ħasil tal-flus li kien hemm f’dan is-cyber-attack, b’ammont sostanzjali minnhom li għaddew f’kont li jinsab f’Belfast. Aħna se nkomplu naħdmu mal-Pulizija Maltija fl-investigazzjonijiet,” qal Cunningham.

X’ġara fi Frar 2019?

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat fi stqarrija ministerjali dwar il-BOV qal li għaddew xi transazzjonijiet foloz. Qal li qed jagħmel din l-istqarrija bħala Prim Ministru minħabba li “l-bank huwa wieħed maġġuri għal Malta”.

Il-Prim Ministru kkonferma li kien hemm tranżazzjonijiet li ma kienux veru billi ntefgħu f’kontijiet oħra barra minn Malta. Qal li hemm mat-€13 miljun f’tranżazzjonijiet foloz iżda saħaq li l-BOV jaf fejn marru l-flus, ġo liema bank barranin u ġo liema kont. Hemm erba’ pajjiżi involuti li fihom marru dawn il-flus li kienu fil-munita Ewro, Dollaru Amerikan u Sterlina Ingliża.