​Aktar appelli biex jirriżenja l-Kummissarju tal-Pulizija

Madwar 6,500 persuna s’issa ffirmaw petizzjoni onlajn biex jirriżenja l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, għar-raġuni li ma jħossux li qed jgħixu f’sigurtà minħabba fih.
Il-petizzjoni li qed tiġi indirizzata li​ll-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, tisħaq li l-fiduċja u s-sigurtà terġa’ tirritorna fil-Korp tal-Pulizija u f’Malta meta Lawrence Cutajar jirriżenja.
L-ittra tgħid li l-unika aħbar kbira li qatt kien involut fiha Cutajar kienet meta kien inqabad jiekol il-fenek waqt li l-każ tal-kumpanija Egrant kien għaddej quddiem għajnejn il-poplu.
Intqal ukoll li l-Kummissarju naqas milli jieħu azzjoni fil-konfront ta’ ċertu membri tal-korp minħabba l-imġiba bla rispett li kellhom wara l-assassinju brutali ta’ Daphne Caruana Galizia.
Nhar it-Tlieta, Adrian Delia talab lill-Gvern biex b'mod immedjat jitneħħa l-Kummissarju tal-Pulizija u jintgħażel ieħor li jkollu l-fiduċja ta’ żewġ terzi tal-Kamra tar-Rapreżentanti.
Ilbieraħ, Matthew Caruana Galizia, iben Daphne Caruana Galizia, talab lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex qabel ma jirriżenja hu nnifsu, jara li ssir ħatra ta’ Kummissarju ġdid  li ma jkunx wieħed li jibża’ jieħu passi kontrih u kontra dawk li qed jipproteġi.
Fi Frar li għadda, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Bustill kien qal li m’għandux  fiduċja fil-Kummissarju attwali u qal li kieku kien hu l-Prim Ministru, kien ikeċċih mill-ewwel.
Ilbieraħ, Lawrence Cutajar sejjaħ konferena tal-aħbarijiet li fiha ma wieġeb kważi xejn għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Dwar kif se jindirizza t-tħassib tan-nies dwar l-integrità tiegħu, minħabba li kemm-il darba kien fil-mira tal-kitba ta’ Caruana Galizia, il-Kummissarju qal biss li jiddispjaċih li qed jisma’ dan, u li ma jaħsibx li l-poplu qed jistaqsi dwar l-integrità tiegħu. 
Il-petizzjoni biex jirriżenja l-Kummissarju tista’ taqraha hawn.