Aktar allegazzjonijiet ta’ abbużi mill-kleru fl-Istati Uniti

L-Avuakt Ġenerali Jeff Anderson jagħti dettalji tal-każi ta’ abbużi sesswali mill-kleru waqt konferenza stampa

Wara tibdil li sar fil-liġijiet li permezz tagħhom tneħħiet temporanjmanet il-preskrizzjoni fuq każi ta’ abbuzi mill-kleru u istituzzjonijiet oħra, kienu reġistrati ruxxmata ta’ każi oħra ta’ abbużi fl-istat ta’ New York.

Barra minn dan, matul din il-ġimgħa bdew ikunu nvestigati tliet membri prominenti tal-Knisja dwar dawn l-abbużi.

Uffiċjal tal-Qorti qal li kienu preżentati 427 każ ġdid minn allegati vittmi li pprofittaw ruħhom mit-tneħħija temporanja tal-preskrizzjoni fuq dawn l-abbużi u hu mistenni li sa l-aħħar ta’ dan ix-xahar, meta din l-opportunità tieqaf, ikun reġistrati b’kollox madwar 1,000 każ.

427 allegazzjonijiet ġodda

Fost il-każi li tressqu din il-ġimgħa hemm akkużi li l-Isqof Emeritus Howard Hubbard, fis-snin 90 abbuża minn tifel. Hubbard kien kap tad-djoċesi ta Albany għal 37 sena sħaħ u kien irtira fl-2014.

L-Isqof Hubbard, li llum għandu 80 sena,  caħad dawn l-akkużi u fi stqarrija maħruġa mid-djoċesi ntqal li “l-akkuża hi waħda ta’ niket u hu mportanti li wieħed jiftakar li bħal kull persuna oħra l-Isqof hu preżunt innoċenti u d-djoċesi m’hi se tesprimi ebda ġudizzju qabel ikunu magħrufa l-fatti kollha u l-każ tiegħu ikun deċiż”.

Id-djoċesi qalet ukoll li kienet qed timxi mal-linji gwida tal-Vatikan maħruġa mill-Papa Franġisku f’Mejju li għadda dwar kif għandhom ikunu trattati każi ta’ abbuż li jinvolvi Isqfijiet.

Tliet Isqfijiet taħt akkuża

L-isqof Scharfenberger informa lin-Nunzju Apostoliku kif ukoll lill-Kadinal Timothy Dolan, dwar l-akkużi kontra l-Isqof Hubbard. Wara diskussjoni mal-Kardinal, l-Isqof Scharfenberger qal li l-Kardinal ried li jkun hemm kooperazzjoni sħiħa mal-investigaturi u esprima r-ringrazzjament tiegħu lill-Papa Franġisku għall-gwida ċara tiegħu dwar dawn il-każi u offra talb għal dawk kollha involuti fil-każ.

Sadattant, l-Isqof Robert Guglielmone f’ Charleston fis-Sout Carolina, issemma f’każ ta’ abbuż f’ New York minn persuna li allega li kien abbużat minn dan l-Isqof 40 sena ilu meta kien għadu jservi fil-parroċċa ta’ Amityville, fi New York.

L-Isqof Guglielmone ċaħad din l-allegazzjoni permezz ta’ stqarrija mill-avukat tiegħu li nnota li min għamell-akkuża ammetta li kien għamel dan fi sforz biex jirbaħ ftehim finanzjarju.

Il-Vigarji Ġenerali tad-djoċesi ta’ Charleston, Mons. Richard D. Harris u Mons. D. Anthony Droze, ħarġu stqarrija oħra fejn qalu li l-Isqof Guglielmone “kien mexxej fdat tad-djoċesi tagħhom għal aktar minn 10 snin u aħna nemmnu fl-innoċenza tiegħu”.

$66 miljun f’kumpens lill-vittmi

Sadattant, f’Cheyenne, Wyoming, l-Isqof irtirat Mons. Joseph Hart mistenni jiffaċċja akkużi kriminali dwar abbuż sesswali.  Hart li bħalissa għaddej proċess ukoll mill-Vatikan, hu suġġett ta’ investigazzjoni kriminali li reġgħet infetħet, dwar abbuż ta’ meta kien Isqof tad-djoċesi fejn serva bejn l-1976 u l-2001.

Id-djoċesi ta’ Kansas City, fejn Ħart kien serva bħala saċerdot għal 20 sena qabel sar Isqof, diġa’ ħallset lil 10 vittmi ta’ abbużi minn dan l-Isqof.

Filwaqt li għexieren ta’ każi qed jitressqu kontra t-tmien djoċesijiet Kattoliċi tal-istat ta’ New York, uffiċjali tal-Knisja qed ifakkaru lill-vittmi li jistgħu jieħu vantaġġ mill-Programm ta’ Rikonċiljazzjoni Indipendenti u Kumpens, li hu programm volontarju barra mill-qrati.

L-aġenzija tal-aħbarijiet CRUX irrappurtat li sal-lum l-arċidjoċesi ta’ New York ħallset aktar minn $66 miljun f’kumpens lil 335 vittma ta’ dawn l-abbużi.