Akkużi ġodda kontra l-pulizija ta’ Minneapolis, ikomplu l-protesti

Read in English.

Nhar l-Erbgħa prosekuturi ppreżentaw akkużi kriminali ġodda kontra erba’ uffiċjali tal-pulizija ta’ Minneapolis implikati fil-mewt ta’ raġel ta’ karnaġġjon skura li ġie fgat meta wieħed mill-pulizija għafaslu għonqu b’irkopptu fil-ġenb tat-triq waqt li kien qed jiġi arrestat, attakk li qanqal numru ta’ protesti u rvellijiet madwar il-pajjiż f’dawn l-aħħar ġranet.

L-akkuża kontra Derek Chauvin, li nhar il-Ġimgħa ġie arrestat bi qtil involontarju tat-tielet grad, issa nbidlet f’waħda ta’ qtil tat-tieni grad.

Din l-akkuża ġdida, li skont il-liġi tal-Minnesota hija definita bħala qtil mhux intenzjonat ta’ persuna li kienet qed twettaq reat, tista’ twassal għal sentenza ta’ madwar 40 sena ħabs, 15-il sena aktar mis-sentenza massima għal qtil tat-tielet grad.

Tliet uffiċjali kollegi ta’ Chauvin li tkeċċew mid-dipartiment tal-pulizija ta’ Minneapolis l-għada, ġew akkużati nhar l-Erbgħa – kollha akkużati b’involviment f’att ta’ qtil involontarju tat-tieni grad.

Keith Ellison, l-Avukat Ġenerali tal-Minnesota, persuna ta’ karnaġġjon skura u eks membru tal-kungress tal-Istati Uniti, talab li jitpoġġa pleġġ ta’ $1 miljun għal kull wieħed mill-erba’ uffiċjali akkużati fil-każ ta’ Floyd.

“Dan huwa pass sinifikanti ‘l quddiem fil-mixja lejn il-ġustizzja, u aħna sodisfatti li ttieħdet din l-azzjoni deċiżiva qabel ma ndifen George Floyd,” qal f’dikjarazzjoni Benjamin Crump, l-avukat tal-familja Floyd.

Meta tkellem matul konferenza stampa, Ellison qal li rebħa f’dan il-każ “se tkun diffiċli”, filwaqt li nnota li Mike Freeman, l-avukat tal-kontea ta’ Hennepin li l-uffiċċju tiegħu oriġinarjament ippreżenta l-akkużi oriġinali kontra Chauvin, huwa l-uniku prosekutur fl-istat li rnexxielu jikkundanna uffiċjal tal-pulizija b’akkuża ta’ qtil.

Huwa qal li l-investigazzjoni kollha tal-każ “se tieħu ħafna xhur”.

Il-bidla fl-akkuża kontra uffiċjal li diġà jinsab fil-kustodja tal-pulizija, u l-arrest ta’ tliet uffiċjali oħra akkużati bi rwol attiv fil-qtil ta’ George Floyd, 46, seħħet wara diversi ljieli ta’ rvellijiet li issa nbidlu fi protesti paċifiċi.

Akkużi ġodda kontra l-pulizija ta’ Minneapolis qed ikomplu jiżdiedu hekk kif il-protesti jkomplu. Eluf ta’ dimostraturi viċin il-White House xegħlu d-dwal tal-mobiles tagħhom u kantaw mal-kanzunetta tas-snin 70, “Lean on Me”, u wara komplew bl-għajjat ta’ protesti kontra l-pulizija.