Akkużi fuq qassis: Il-Kurja tiċċara l-pożizzjoni

Stqarrija tal-Kurja tal-Arċisqof tgħid li mhux veru li Dun Felix Cini qiegħed jaħdem bħala saċerdot full-time f’Malta. Tiċċara wkoll li mhux qassis tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

L-Uffiċċju Komunikazzjoni jispjega li Dun Felix Cini, saċerdot inkardinat l-Italja u li rritorna f’Malta xi snin ilu biex jieħu ħsieb lil ommu, ingħata permess biss biex jikkonċelebra quddiesa f’ċirkostanzi partikolari.

Madwar 15-il sena ilu, Dun Felix kien instab ħati ta’ mġiba mhux addattata ma’ minuri u għamel programm terapewtiku. Fil-proċess li sar wara mill-Vatikan, hu ma kienx tneħħa minn qassis.

Din hi l-istqarrija sħiħa maħruġa mill-Kurja tal-Arċisqof:

L-Uffiċċju Komunikazzjoni jirreferi għall-artikli ppublikati fil-media f’dawn l-aħħar 48 siegħa dwar Dun Felix Cini, saċerdot ta’ nazzjonalità Maltija inkardinat fid-Djoċesi ta’ Grosseto, l-Italja. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li tqajmu, qed issir din il-kjarifika fl-aħjar interess tal-komunità.

  1. Fl-2008, sar proċess kanoniku mis-Santa Sede li ddetermina li Dun Cini ma ngħatax il-piena li twassal għat-tkeċċija mis-saċerdozju u għalhekk jibqa’ saċerdot tal-Knisja Kattolika. Dan il-proċess sar wara li huwa għamel programm terapewtiku residenzjali ta’ sentejn fl-Italja.
  2. F’Diċembru 2014, fuq talba mill-Isqof ta’ Grosseto, Dun Cini rritorna Malta biex jgħix ma’ u jieħu ħsieb lil ommu.
  3. Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, Dun Cini ma tħallix jeżerċita l-ministeru tiegħu, la jkun f’kuntatt ma’ minuri u lanqas jaħdem fl-ebda parroċċa. L-arċipriet tal-parroċċa kien ukoll infurmat dwar dan.
  4. F’xi okkażjonijiet, Dun Cini talab li jingħata l-permess li jikkonċelebra fil-Quddiesa. Dan ingħata biss f’ċirkustanzi partikolari bħalma huma funerali ta’ qraba u ġirien, u okkażjonijiet speċjali. L-aħħar Quddiesa li ħa sehem fiha bħala konċelebrant kienet f’Mejju 2018. Rapporti li Dun Felix Cini huwa saċerdot full-time huma foloz.
  5. Is-Safeguarding Commission, li qed issegwi s-sitwazzjoni mill-qrib, bħalma tagħmel f’kull sitwazzjoni fejn jitqajjem kull tip ta’ tħassib, tħeġġeġ lil kull min jaf b’reat biex jirrapporta direttament lill-Pulizija. Kull min għandu xi tħassib dwar persuni involuti fil-Knisja jista’ wkoll jirrapporta lis-Safeguarding Commission fuq  info@safeguarding.mt