Akkużati li serqu minn residenzi privati

Tlett irġiel kienu arrestati wara li kienu akkużati li serqu minn żewġt idjar f'Għajnsielem kif ukoll li ppruvaw jisirqu minn dar oħra iżda ma rnexxilhomx.
Tnejn mill-irġiel, li huma mill-Ġeorġja, għandhom 56 u 31 sena, filwaqt li raġel ieħor, li hu mill-Użbekistan, għandu 46 sena.
Huma ġew arrestati wara li nstabu f'pussess ta' oġġetti relatati ma' serq.
Fil-Qorti kienu akkużati li fis-7 ta' Novembru ppruvaw jisirqu iżda kellhom jieqfu minħabba xi ħaġa indipendenti mill-volontà tagħhom, filwaqt li fil-31 t'Awwissu u fl-24 t'Ottubru wettqu serqa minn żewġ residenzi privati f'Għajnsielem u talli volontarjament għamlu ħsara fil-ħwejjeġ ta' ħaddieħor.
Ir-raġel ta' 46 sena wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ngħata sentenza ta' 15-il xahar ħabs. Iż-żewġ akkużati l-oħra ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom, ma ngħatawx ħelsien mill-arrest u ntbagħtu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Edel Mary Camilleri.