Akkużati li attakkaw 2 irġiel; jinħelsu mill-arrest

Read in English.

Tliet ħaddiema li allegatament sawwtu żewġt irġiel f’San Pawl il-Baħar ingħataw il-ħelsien mill-arrest.

It-tliet irġiel tressqu l-Qorti llum akkużati li weġġgħu raġel minnhom b’mod gravi. L-inċident allegatament seħħ fis-16 ta’ Frar fi Triq il-Kavetta. It-tliet akkużati wieġbu li mhumiex ħatja.

L-Ispettur Clayton Camilleri spjega li dakinhar il-Pulizija ġiet infurmata bi ġlieda f’San Pawl il-Baħar. Aktar tard, żewġt irġiel bid-demm fuqhom daħlu fl-Għassa tal-Pulizija. Issejħet ambulanza u t-tnejn ittieħdu l-isptar Mater Dei.

Il-Pulizija rat filmati tas-CCTV tal-inċident u arrestat lit-tliet ħaddiema. Tnejn minnhom allegatament huma uffiċjali tas-sigurtà u l-ieħor huwa barman.

Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati fuq depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €5,200 kull wieħed.

Id-difiża kienet magħmula mill-Avukat Johann Debono u l-Prokuratur Legali Quentin Tanti.