Akkużati b’serqa: “Nigżak lill-PM u tispiċċa bla xogħol”

Żewġ Somali li m’għandhomx fejn joqogħdu ġew akkużati li serqu €300 u mowbajl mingħand Eġizzjan. Wieħed minnhom qal li mhux ħati, li din kollha politika, u li l-prosekuzzjoni qaltlu l-kamera ma kenitx qed taħdem biex tirbaħ il-każ. L-ieħor ukoll wieġeb mhux ħati. Hu kien hedded lil uffiċjal tal-Pulizija li se jinforma lil Prim Ministru fuq li qed jiġri, u b’hekk jispiċċa bla xogħol.

Iż-żewġ irġiel, ta’ 31 u 32 sena, tressqu l-Qorti dalgħodu. Żewġ irġiel oħra suspettati li kellhom x’jaqsmu kienu ħarbu mill-Pulizija. Iż-żewġ irġiel ġew akkużati b’li weġġgħu lill-Eġizzjan b’mod ħafif, li serqu, li kisru l-paċi pubblika, u li huma reċedivi.

Ir-raġel ta’ 31 sena ġie akkużat ukoll li prova jintimida uffiċjal tal-Pulizija billi qallu li se jugżah lill-Prim Ministru. Barra minn hekk, ġie akkużat li kien qed iġorr sikkina mingħajr liċenzja, u li kien qed jixrob f’post pubbliku. Ukoll, ġie akkużat li tellef uffiċjal tal-Pulizija milli jagħmel xogħlu.

Ir-raġel ta’ 32 sena baqa’ jgħid li m’għandux bżonn avukat għax m’għamel xejn ħażin. Qal li għalkemm iġġieled ma xiħadd, persuna oħra ħadet il-flus. Żied li l-vittma għandu bżonn jiġi jixhed biex toħroġ il-verità, hekk kif qal li din hija kollha mossa politika. Qal li hemm kamera fuq il-post, imma li l-prosekuzzjoni qed tgħid li ma taħdimx biex tirbaħ il-każ.

Il-Qorti żammet it-tnejn li huma taħt arrest.