Akkużata li użat lit-tifel ta’ 12-il sena biex tisraq mill-anzjani

Read in English.

Mara ta’ 44 sena qed tiġi akkużata li użat lit-tifel tagħha li għandu 12-il sena biex tisraq minn diversi anzjani.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li solviet sensiela ta’ serqiet minn diversi residenzi fil-Mosta u San Pawl il-Baħar. Dawn saru bejn is-17 ta’ April u t-13 ta’ Lulju.

Il-mara li toqgħod il-Mosta tressqet il-Qorti fejn wieġbet li mhix ħajta.

Il-Pulizija bdiet tinvestiga sensiela ta’ rapporti dwar serq li kien qed iseħħ f’residenzi li fihom jgħixu persuni anzjani. Mill-investigazzjonijet li saru rriżulta li s-serq kien qiegħed isir bl-istess metodu: mara, akkumpanjata minn tifel, kienet qed tħabbat il-bibien tad-djar u tittallab għal flus. Kif il-mara u t-tifel jitilqu, il-vittmi jindunaw li għandhom l-affarijiet nieqsin.

Waqt l-investigazzjonijiet irriżulta li d-deskrizzjoni taż-żewġ persuni suspettati kienet waħda simili. L-investigazzjonijiet wasslu biex fl-aħħar sigħat ġiet arrestata l-mara ta’ 44 sena u kien kkonfermat li wettqet is-serqiet mat-tifel tagħha ta’ 12-il sena.

Il-mara dalgħodu tressqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli. Qed tiġi akkużata li wettqet ħames serqiet, kif ukoll li naqset mili tieħu ħsieb lil binha. Hija kienet akkużata wkoll li wettqet dawn ir-reati waqt il-perjodu operattiv ta’ żewġ sentenzi oħra mill-Qorti u b’hekk kissret il-kunidzzjoni li ma tagħmilx reat ieħor f’dan iż-żmien, u li hija reċediva.

Il-mara ma ngħatatx il-ħelsien mill-arrest u qed tinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Lydon Zammit u Paula Ciantar.