Akkużata li tkellemet ma’ xhieda fil-każ kontra żewġha

Mara ta’ 64 sena nżammet arrestata wara li wieġbet mhux ħatja li tkellmet ma’ xhieda ta’ każ li qed jaffaċċja r-raġel tagħha dwar abbuż sesswali. 
Il-mara, minn San Ġiljan, kienet akkużata li ħolqot biża’ u heddet li tuża l-vjolenza kontrihom.
Ir-raġel tagħha, li huwa Eġizzjan, qed ikun akkużat li abbuża sesswalment erba’ tfajliet minuri fil-perjodu bejn l-2004 u l-2009. Tlieta minn dawn it-tfajliet huma n-neputijiet tal-akkużat.
Ir-raġel, li isimu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, wieġeb mhux ħati għal seba’ kapi ta’ akkuża, fosthom li aggredixxa minuri.  L-Ispettur tal-pulizija Joseph Busuttil qal li beda jinvestiga l-każ meta waħda mix-xhieda qaltlu li avviċinata l-mara tal-akkużat fejn qaltilha biex taħfer lir-raġel tagħha. Il-każ instema quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella u l-avukat Joseph Vella deher għall-mara.