Akkużata li serqet żewġt iċrieket

Wejtress ta’ 34 sena mill-Belt ingħatat il-libertà proviżorja wara li qalet li mhix ħatja li serqet ċrieket minn żewġt iħwienet tal-ġojjelli.

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, l-ispettur Fabian Fleri qal li l-ewwel serqa saret f’Tas-Sliema fit-13 ta’ Awwissu li għadda u ċ-ċurkett kien jiswa €300.

It-tieni serqa saret f’San Ġiljan għaxart ijiem wara.  Skont l-ispettur, Shirley Micallef serqet il-ġojjelli biex tkun tista’ tkompli bil-vizzju tad-droga.

Jirriżulta li l-filmat tal-kameras tas-sigurtà tal-ewwel serqa ma kienx ċar imma ta’ dak tas-serqa f'San Ġiljan jidher sew il-ħalliel.

Apparti l-libertà proviżorja, il-Maġistrat Farrugia ordna li Micallef tagħmel ukoll garanzija personali ta’ €2,000.