Akkużata b’serq ta’ informazzjoni u theddid f’Għawdex; tinħeles mill-arrest

Mara ta’ 26 sena ngħatat il-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet wara li kienet akkużata li fit-3 ta’ Ottubru aċċessat informazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni u użat apparat elettroniku biex thedded persuna oħra.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li r-Rumena li tressqet quddiem il-Maġistrat Monica Vella fil-Qorti ta’ Għawdex kienet akkużata li użat kompjuter b’kodiċi ta’ dħul u ‘password’ ta’ persuna oħra, kif ukoll użat l-istess tagħmir mingħajr awtorizzazzjoni u għamlet koppja jew immodifikat data jew dokumentazzjoni għad-dannu tal-vittma.

Il-mara kienet akkużata wkoll li użat apparat ta’ kommunikazzjoni elettroniku biex heddet lill-vittma, li tat fastidju, li kkaġunat biża’, li għamlet vjolazzjoni oħra kontra l-propjetà tal-vittma, kif ukoll ikkaġunat ħsara lill-vittma.

Il-mara wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha u ngħatat il-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.