Akkużata b’attentat ta’ serq minn restorant f’Tas-Sliema

Mara ta’ 26 sena baqgħet tinżamm taħt arrest wara li ġiet akkużata li ppruvat tisraq minn restorant fi Triq it-Torri f’Tas-Sliema.

Il-mara li tgħix f’San Pawl il-Baħar ippruvat tisraq €520 mill-istabbiliment. Hi kisret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest f’każ separat ta’ serq. Hi kienet ġiet akkużata li serqet diversi oġġetti u flus minn Europa Hotel f’Mejju li għadda.

Il-Qorti pperseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace rrifjutat it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest tal-mara.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Colin Sheldon filwaqt li Martin Fenech serva bħala assistenza legali.