Akkużat li wettaq atti indiċenti ma’ studenta; ħelsien mill-arrest

Raġel ta’ 71 sena ġie akkużat fil-Qorti li għamel atti indiċenti fil-konfront ta’ tfalja Kolombjana li kienet qed toqgħod fid-dar tiegħu.

Fil-Qorti ħareġ li r-raġel allegatament ta’ daqqa fuq il-warrani tat-tfajla fl-14 ta’ Lulju li għadda fid-dar tiegħu fis-Siġġiewi. Huwa flimkien mal-mara tiegħu jospitaw lill-istudenti li jiġu Malta mal-iskejjel tal-lingwi.

L-Ispettur spjega kif ilbieraħ it-tfajla flimkien ma’ rapreżentant tal-iskola marru jagħmlu rapport l-għassa ta’ Ħal Qormi. Huwa kompla li l-istudenta spjegat li malli waslet id-dar, l-akkużat ta merħba b’bewsa fuq ħaddejha. Min-naħa tiegħu hu ried itiha tliet bewsiet madankollu hi ma ħassithiex komda. Hija spjegat li kif niżlet biex tneħħi ż-żarbun ir-raġel allegatament ta daqqa fuq il-warrani.

It-tfajla li se titlaq minn Malta fil-jiem li ġejjin ma sabet l-ebda oġġezzjoni li tixhed quddiem l-akkużat. Hija spjegat li kienet ilha toqgħod fid-dar tal-akkużat tliet ġimgħat iżda wara l-inċident hija kienet tkellmet mar-rappreżentanti tal-iskola u immedjatament marret toqgħod ma’ familja oħra.

Min-naħa tiegħu l-avukat difensur staqsa lill-allegata vittma x’kienet ir-reazzjoni tagħha bl-akkużata tgħid li ma kinitx taf x’ se taqbad tagħmel għax kienet ixxukjatha b’dak li ġara. Hija spjegat li ma kien hemm ħadd iktar fil-kamra u dan l-inċident seħħ għall-ħabta tad-9pm. Hija sostniet li dan l-inċident seħħ darba u sar apposta.

L-avukat staqsieha jekk kinitx taf li r-raġel u l-mara tiegħu jilqgħu lill-istudenti b’bewsa u hija spjegat li l-mara iva imma r-raġel le. Hija kompliet li dan l-inċident seħħ meta l-mara ma kinitx id-dar. Min-naħa tiegħu meta sema’ hekk l-akkużat qal li mhux vera u l-mara tiegħu dejjem kienet hemm. Min-naħa it-tfajla kkoreġiet dak li qalet u żiedet li ma kinitx taf fejn hi l-mara.

Fil-Qorti l-ispettur qal li r-raġel kien reċediv u spjega li waqt li kien qed jiġi mistoqsi huwa qal  li għalih hija normali li jagħti żewġ bewsiet fuq il-ħaddejn.

L-Ispettur kompla jispjega li r-raġel għall-bidu ċaħad li seta’ ta daqqa fuq il-warrani tat-tfajla madankollu wara ftit qal li seta’ għamel dan b’inċident. Huwa kompla li t-tmexxija tal-iskola qalet lill-Pulizija li qatt ma rċevew rapporti simili dwar din il-familja.

Min-naħa tiegħu l-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti tatu l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000 kif ukoll li jrid jiffirma darba fil-ġimgħa l-Għassa tal-Pulizija. Il-Qorti tat ordni ta’ protezzjoni temporanja lit-tfajla u ordnat lir-raġel biex taħt l-ebda ċirkostanza ma jagħmel kuntatt mat-tfajla.