Akkużat li weġġa’ lis-sieħba tiegħu f’darhom

Raġel ta’ 34 sena ġie akkużat bi vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu li weġġgħet gravi.

Ir-raġel qed jiġi akkużat li lbieraħ attakka lis-sieħba tiegħu fid-dar tagħhom fir-Rabat. Tabib iċċertifika l-ġrieħi li sofriet bħala gravi. L-akkużat tressaq il-Qorti llum u nżamm taħt arrest.

L-Ispettur Prosekutur Stacy Attard oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest abbażi tal-gravità tal-każ u peress li l-vittma kien għadha ma tatx ix-xhieda tagħha.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

L-avukati tad-difiża kienu Franco Debono u Francesca Zarb.