Akkużat li weġġa’ ‘l ommu; illiberat

Raġel ta’ 34 sena minn Raħal Ġdid ġie illiberat minn kull akkuża minħabba nuqqas ta’ provi. Ir-raġel kien akkużat li f’Ġunju tal-2018 huwa weġġa’ lil ommu waqt argument u nissel fiha biża’ ta’ vjolenza kif ukoll li heddida u attakkaha. Min-naħa tagħha l-omm għażlet li ma tixhidx kontra binha u stqarret li ħafritlu.

Fil-Qorti l-Pulizija spjegaw kif fis-27 ta’ Ġunju ġew infurmati li mara kellha idha miksura wara argument li kellha ma’ binha. Hija ġiet iċċertifikata li kienet qed issofri minn ġrieħi gravi.

L-akkużat kien ġie arrestat u fi stqarrija huwa spjega li jgħix m’ommu u l-argument inqala’ minħabba li kien hemm ħafna affarijiet tagħha fil-kuritur. Dakinhar tal-inċident huwa qal lil ommu biex tiżbarazza l-affarijiet minn nofs għax hu ma kellux ċans jagħmel dan. L-akkużat żied li huwa qatt ma ħebb għal ommu madankollu kienet ommu li bdiet tgħajjat miegħu u qaltlu biex jieħu ħsieb l-affarijiet tiegħu. Fl-istqarrija l-akkużat qal li kien f’dak il-ħin li mbotta’ ‘l ommu bil-konsegwenza li din waqgħet u kisret idha. L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u għażel li ma jixhidx.

Fis-seduti li għaddew il-vittma qalet fil-Qorti li hija ħafritlu u ma tixtieqx tixhed kontra binha. Minħabba f’hekk il-Maġistrat qalet li minkejja li tista’ tkompli l-kawża, in-nuqqas ta’ xhieda min-naħa tal-vittma wassal biex ikun hemm nuqqas ta’ provi. Għalhekk il-Maġistrat Audrey Demicoli fil-Qorti qalet li l-akkużi kontra l-imputat ma ġewx pruvati u tilliberah minn kull akkuża.