Akkużat li ttraffika d-droga; nuqqas ta’ evidenza

Raġel li kien akkużat bi traffikar tad-droga ġie ddikjarat mhux ħati wara l-Maġistrat iddeċidiet li kien hemm nuqqas ta’ evidenza. Ir-raġel ġie arrestat fil-karozza tiegħu f’Diċembru 2009 flimkien ma’ raġel ieħor li kien qed javviċinah b’karozza oħra.

Fil-Qorti nstema’ kif meta l-pulizija resqu lejn il-karozza tal-akkużat rawh jarmi pakkett li hu suspettat li kien droga eroina. Il-persuna li kien qed javviċina lill-akkużat kellu fil-pusses tiegħu €25 fil-but u €80 fil-kartiera.

Min-naħa l-oħra meta saret tfittxija fid-dar tiegħu nstabu diversi oġġetti relatati mal-użu tad-droga u €885 fi flus kontanti. Huwa kien ta stqarrija lill-pulizija madankollu ma tħalliex jitkellem mal-avukat tiegħu kemm qabel u waqt l-interrogazzjoni. Il-Qorti ddeċidiet li din l-isqarrija ma tistax tintuża.

L-unika evidenza kien l-istqarrija li ta s-sewwieq tat-tieni karozza iżda dan ma ttellatx bħala xhieda mill-prosekuzzjoni. Fil-Qorti nstema kif ma saru l-ebda testijiet fuq il-pakkett biex tiġi identifikata s-sustanza li kien hemm ġo fih u ma nġabret l-ebda evidenza mill-mowbajls, djarji jew flus.

Għalhekk il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras iddeċidiet li l-akkużat mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.