Akkużat li stupra lill-kunjata waqt ritwali sataniċi; jinħeles mill-arrest

Qorti Newsbook Stock

Iż-żagħżugħ akkużat li stupra lill-omm it-tfajla tiegħu u li kkorrompa lit-tfajla b’ritwali sataniċi ngħata l-ħelsien mill-arrest.

L-akkużat ta’ 18-il sena minn Bormla ma jistax jintwera ismu taħt ordni tal-Qorti. Huwa kien qed jinżamm taħt arrest preventiv minn mindu nqabad fit-8 ta’ Frar. Huwa wieġeb mhux ħati għal stupru, talli ħebb għall-mara b’mod vjolenti u indiċenti, li żamm il-vittmi tiegħu kontra r-rieda tagħhom, ġegħilhom jieħdu sehem f’atti indiċenti u li weġġagħhom ħafif. Huwa ma kienx ngħata ħelsien mill-arrest minkejja t-talba tiegħu, u spiċċa qatta’ tliet xhur arrestat sakemm kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrih. Il-każ kien beda jinstema’ taħt il-Maġistrat Aaron Bugeja, iżda meta dan laħaq imħallef, il-każ ġie assenjat lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.

Il-Qorti osservat li meta ż-żagħżugħ kien ingħata ħelsien għal għaxart ijiem, sakemm il-pulizija kienu għadhom qed jinvestigaw il-każ, huwa kien obda l-kundizzjonijiet mogħtija lilu. Hu kien qed jgħix m’ommu, u ma kien hemm l-ebda rapporti tiegħu jipprova jikkonvinċi lix-xhieda jbiddlu t-testimonjanza tagħhom.

Il-Prosekuzzjoni u l-Avukat Ġenerali kienu qegħdin joġġezzjonaw għall-ħelsien mill-arrest taż-żagħżugħ peress li l-omm involuta fil-każ kienet għadha ma xehditx, u beżgħu li ż-żagħżugħ jaf jipprova jimmanipula lill-vittmi.

Madankollu, il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Scerri Herrera osservat li ż-żagħżugħ għandu kondotta nadifa, u minkejja li kien hemm ir-riskju li hu jikser l-ordnijiet tal-Qorti, kellu dritt għal-libertà.

Għalhekk, il-Qorti ħelsitu mill-arrest b’depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €8,000. Huwa jrid ikun id-dar bejn id-9 ta’ filgħaxija u t-8 ta’ filgħodu, u jrid jiffirma l-għassa kuljum.