Akkużat li stupra kollega tiegħu; jinżamm taħt arrest

Raġel li qed jiġi akkużat bi stupru u fastidju sesswali fuq kollega tiegħu baqa’ jinżamm arrestat mill-Qorti.

Ir-raġel mill-Isvezja ta’ 24 sena tressaq quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke dalgħodu akkużat ukoll li kien fil-pussess tad-droga kokaina. Hu wieġeb mhux ħati ta’ dawn l-akkużi.

Fil-Qorti ħareġ li l-akkużat kien irċieva numru ta’ messaġġi fuq Facebook mingħand l-allegata vittma u għaldaqstant id-difiża talbet sabiex jinħatar espert sabiex dawn il-messaġġi jiġu preservati. Id-difiża talbet ukoll sabiex jitressqu l-Qorti l-filmati tas-CCTV minn żewġ bars li ssemmew mill-akkużat waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija.

Mat-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-prosekuzzjoni insistiet li l-vittma kienet kollega tal-akkużat u għandhom ukoll ħbieb komuni. Għaldaqstant huwa riskju li jinħeles temporanjament mill-arrest. L-akkużat sostna li lest li jsib xogħol ieħor jekk jingħata l-ħelsien proviżorju.

Madanakollu, minħabba n-natura tal-akkużi, il-Qorti ddeċidiet li tirrifjuta l-ħelsien proviżorju. Il-Qorti ordnat ukoll sabiex kemm il-vittma kif ukoll persuni oħrajn xhieda għandhom jitressqu sabiex jixhdu l-Qorti kemm jista’ jkun malajr.