Akkużat li seraq u biegħ €10,000 f’mowbajls

Raġel ta’ 32 sena minn Ħal Qormi qed ikun akkużat li seraq ammont ta’ mowbajls li jammontaw għal valur totali ta’ €10,000.
Il-Qorti semgħat kif l-akkużat, li jaħdem ma’ kumpanija li tqassam oġġetti li jaslu minn barra minn Malta, meta waslu dawn il-mowbajls, minflok qassamhom fejn suppost, żammhom hu u biegħhom f’diversi ħwienet.
Il-pulizija rnexxielhom jirkupraw 11 mit-42 mowbajl li nsterqu li jammontaw għall-€10,000. Uħud minn dawn il-mowbajls diġà nbiegħu lil diversi persuni.
L-akkużat m’ammettiex l-akkużi miġjuba kontrieh u ngħata ħelsien mill-arrest, b’depożitu ta’ €750 u garanzija personali ta’ €10,000.