Akkużat li seraq minn garaxx; jinżamm arrestat

Raġel ta’ 43 sena minn Wied il-Għajn inżamm arrestat wara li wieġeb li mhux ħati li seraq ammont ta’ flus kontanti minn garaxx ta’ sprayer f’Ħal Qormi.

Fil-Qorti nstema’ kif allegatament din is-serqa saret fit-8 ta’ Ġunju li għadda. Huwa kien akkużat b’serq aggravat, li għamel ħsara fi propjetà ta’ ħaddieħor, li kiser il-bail kif ukoll li kiser il-libertà kkundizzjonata.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih bl-avukat tad-difiża jitolbu għall-ħelsien mill-arrest bl-argument li r-raġel kien se jibda jaħdem.

Min-naħa tagħha l-Maġistrat ma laqgħetx din it-talba minħabba n-nuqqas ta’ affidibilità tal-akkużat.

L-Ispettur Alfredo Mangion mexxa l-prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukati Mario Mifsud u Lennox Vella dehru għall-akkużat.