Akkużat li seraq kuruni tar-rużarju mill-knisja taż-Żejtun

Il-persuna li huwa aktarx il-moħħ wara każi ta’ serq oħrajn f’diversi knejjes f’Malta ma ngħatax il-libertà proviżjorja wara li kien akkużat b’serq mill-knisja taż-Żejtun.
Ir-raġel ta’ 42 sena minn Ħal Għaxaq qed jiġi akkużat li f’Ottubru li għadda seraq żewġ kuruni tar-rużarju tal-fidda li kienu jżejnu l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju li kienet barra min-niċċa minħabba li nħarġet għall-purċissjoni.
Huwa kien akkumpanjat fil-Qorti mill-membri tal-familja tiegħu li dehru kommossi fl-Awla.
Akkużi oħra kienu relatati ma’ serq fl-2003 meta s-suspettat ħarab bi flus kontanti, b’apparat tal-mużika u sigaretti mill-każin Nazzjonalista taż-Żejtun.
Il-Maġistrat Inkwirenti Joseph Mifsud sema’ l-prosekuzzjoni bl-ispjega tagħhom ta' kif seħħ il-każ. Il-prosekuzzjoni semmiet ukoll li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija wara li f’Diċembru li għadda ngħata l-ħelsien mill-arrest billi kien jattendi għal-laqgħat li kienu jsiru fil-Kwartieri tal-Pulizija.
Il-Maġistrat staqsa lill-akkużat jekk is-serq mill-knejjes hux passatemp tiegħu filwaqt li qara l-lista ta’ lokalitajiet fejn jinsabu s-16-il knisja minn fejn hu maħsub li seraq.
Staqsieh ukoll b'mod dirett jekk għandux problema ta’ droga u jekk għandux bżonn għajnuna. Kien hawn li l-avukat tiegħu intervjena u qal li l-klijent tiegħu jammetti li għandu din il-problema u lest jaċċetta l-għajnuna.
Għal din ir-raġuni, il-Qorti żammet lill-akkużat arrestat filwaqt li ħarġet mandat ta’ trattament proviżorju.