Akkużat li seraq alkoħol u umbrelel minn stabbilimenti fil-Belt

Raġel wieġeb mhux ħati wara li tressaq il-Qorti akkużat li għal diversi drabi seraq alkoħol u umbrelel tar-ristoranti mill-Belt Valletta.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja semgħet kif ir-raġel inqabad wara li deher fuq numri ta’ kameras tas-sigurtà fi stabbilimenti differenti.

Huwa kien akkużat li bejn Ġunju u Awwissu seraq fliexken tal-alkoħol li jammontaw għal €800 u seraq ukoll erba’ umbrelel li flimkien jiswew €1,000.

Il-prosekuzzjoni rrimarkat ukoll li l-akkużat ibgħati milll-vizzju tad-droga u dan jagħmlu inqas kredibbli iżda l-avukat tad-difiża inista li r-raġel għandu indirizz u anke impjieg fiss. Qal ukoll li l-akkużat irritorna l-umbrelel lis-sidien tal-ħwienet.

Il-Maġistrat tah il-ħelsien mill-arrest lir-raġel fuq depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €9,200. Apparti minn hekk intalab ma joħorġx mid-dar bejn it-8:30pm u s-6:30am u li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt kuljum