Akkużat li ried jara tifla ta’ 13-il sena għarwiena fuq il-kompjuter

Żagħżugħ ta’ 26 sena minn Ħaż-Żebbuġ tressaq il-Qorti mixli li pprova jagħmel atti sesswali bil-kompjuter ma’ minuri.
Huwa kien akkużat ukoll li kellu ritratti u filmati indeċenti.
L-akkużat wieġeb li ma kienx ħati tal-akkużi mressqa kontrih u ngħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000.
Il-Pulizija bdiet tinvestiga l-każ wara li filmat deher fuq l-internet juri lill-akkużat jieħu sehem f’chat fuq Skype bil-għan li jara tifla ta’ 13-il sena mingħajr ħwejjeġ.
Aktar tard irriżulta li l-filmat kien qed jittieħed minn Amerikan li kien qed jippoża ta’ tifla bil-għan li jikxef l-identità tal-persuni li allegatament riedu jagħmlu atti sesswali bil-kompjuter ma’ minuri.