Akkużat li qatel mara waqt li kien xurban

Read in English.

Raġel ta’ 43 sena ġie akkużat fil-Qorti li kkaġuna l-mewt ta’ mara u li weġġa’ seba’ persuni oħra waqt li kien qed isuq taħt l-effett tax-xorb f’Għawdex f’Awwissu li għadda. Hu ngħata l-ħelsien mill-arrest mill-Qorti.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li llum ressqet b’arrest il-Qorti lir-raġel Norveġiż li joqgħod Kerċem. L-inċident seħħ fis-16 ta’ Awwissu fis-1am fi Triq l-Imġarr f’Għajnsielem.

Ir-raġel qed jiġi akkużat li kkaġuna l-mewt ta’ mara ta’ 41 sena, li weġġa’ b’mod gravi lil Amerikan ta’ 47 sena, Ġermaniż ta’ 51 sena, u żewġ subien ta’ disa’ u 14-il sena. Ġie akkużat ukoll li weġġa’ b’mod ħafif lil Kanadiża ta’ 45 sena, tifel ta’ 12-il sena u raġel ta’ 36 sena. Qed jiġi akkużat ukoll li saq vettura b’mod traskurat, perikoluż, u negliġenti.

Il-Pulizija qalet li n-Norveġiż ġie akkużat ukoll li saq taħt l-effett tax-xorb, li qabeż il-limitu tal-veloċità, u talli kkawża ħsarat fuq vettura oħra. L-akkużat wieġeb mhux ħati.

Ir-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur J. Gauci. Il-Maġistrat kien Paul Coppini.