Akkużat li pprovda d-droga li qatlet żagħżugħa; il-każ ilu jinstema’ 20 sena

Read in English.

Raġel li qatta’ l-aħħar 20 sena jistenna li jaffaċċja akkużi li pprovda lil mara bl-eroina li wasslet għall-overdose fatali tagħha, beda proċeduri separati jgħid li qed jiġi mċaħħad milli ssir ġustizzja fi żmien raġonevoli.

Dan il-każ imur lura għall-1999, meta l-akkużat ġie mixli bil-pussess tal-eroina, u li allegatament, b’negliġenza, ipprovda lil żagħżugħa ta’ 25 sena bid-droga li wasslet għal mewtha. Ġisimha kien instab fil-baħar max-xatt ta’ Delimara, b’idejha u saqajha marbutin b’wajer blu tan-nylon.

Fl-2004, il-Qorti Ċivili kienet iddikjarat li dewmien mill-Qorti jkun ksur tad-dritt tal-akkużat għal smigħ ġust fi żmien raġonevoli, u ordnat lill-Qorti tal-Maġistrati biex tieħu ħsieb dal-każ malajr. Huwa ngħata sitt snin ħabs u ġie ordnat iħallas somma ta’ €10,000 fl-2013.

Madankollu, huwa appella din is-sentenza u ġiet annullata peress li l-Qorti tal-Maġistrati nstabet li użat il-proviżjonijiet tal-liġi żbaljati. Għalhekk, il-każ kellu jinstema’ mill-ġdid.

20 sena wara, l-akkużat għadu qed jaffaċċja akkużi kriminali mill-każ tal-1999. Huwa reġa’ daħħal rikors kostituzzjonali jgħid li nkisirlu d-dritt għal smigħ ġust.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, innutat li l-ordni tal-2004 biex il-każ jiġi solvut ma ġietx obduta. Il-Qorti kkonkludiet li l-akkużat kellu raġun iressaq dan ir-rikors. Hija laqgħetu u rreferietu lill-forum kostituzzjonali addattat.