Akkużat li pprova jisraq id-drogi mil-laboratorji tal-Università

Raġel ta’ 27 sena tressaq il-Qorti taħt arrest wara li allegatament ipprova jisraq id-drogi mil-laboratorji tal-Università ta’ Malta.

Ir-raġel residenti l-Ħamrun nqabad jipprova jisraq mill-binja tal-kimika tal-Università. L-allegat incident ġara l-Ħamis li għadda. Bħalissa mijiet ta’ student universitarji qed jagħmlu eżamijiet tal-aħħar tas-sena mid-dar tagħhom minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Skont il-prosekuzzjoni l-akkużat deher ċar fuq filmati tas-sigurtà. Jidher li kien involut ukoll fi klikka li fit-12 ta’ Ġunju kien irnexxiela tidħol mill-kmamar tal-banju tal-istess binja. Is-serqa ta’ dakinhar ġiet sfrattata minn uffiċjal tas-sigurtà tal-Università.

L-akkużat ġie arrestat ilbieraħ meta mar jiffirma l-Għassa tal-Ħamrun minħabba kawża oħra. Hu qed iwieġeb mhux ħati. Xogħlu huwa li jirranġa l-air conditioners.

Hu qed jiġi akkużat li pprova jagħmel serq aggravat u li rrenda ruħu reċediv.

Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest li ġiet miċħuda mill-Maġistrat Joe Mifsud.

Mifsud għamel rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-ħabs ta’ Kordin biex jagħti l-għajnuna li hemm bżonn lill-akkużat biex jirbaħ kontra l-problema tiegħu tad-droga. Ordna biex eventwalment ir-raġel jintbagħat fi programm residenzjali tajjeb għal kontra d-droga.

L-avukati tad-difiża huma Dr Franco Debono u Dr Amadeus Cachia.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Mercieca u Colin Sheldon.