Akkużat li pparteċipa f’atti sesswali man-neputijiet tiegħu

Iż-żewġt ibniet għandhom 10 snin

Raġel ta’ 61 sena resident Wied il-Għajn wieġeb mhux ħati li pparteċipa f’atti sesswali ma’ tnejn min-neputijiet tiegħu li għandhom 10 snin. Hu baqa’ jinżamm taħt arrest.

Illum fil-Qorti r-raġel ġie akkużat li fit-13 ta’ Ottubru pparteċipaw f’atti sesswali magħhom meta kienu ġew fdati f’idejh biex jieħu ħsiebhom. F’din l-ewwel seduta ma ħarġux wisq dettalji – ma nstemax kif ġara eżatt il-każ jew kif inqabad ir-raġel.

Id-difiża għamlet talba għal divjett fuq l-ismijiet. Il-prosekuzzjoni kienet kontra li ma jixxandarx isem l-akużat u qalet li ismu kien komuni. Il-Qorti ordnat divjett fuq l-ismijiet tal-vittmi u tal-akkużat.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roxanne Tabone. L-avukat tal-għajnuna legali kienet Raisa Colombo.