Akkużat li kkorrompa minuri; jinżamm arrestat

Raġel ta’ 25 sena tressaq quddiem il-Qorti akkużat li kkorrompa tfajla ta’ 15-il sena. Ir-raġel wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Qorti ordnat divjett fuq isem l-akkużat u l-vittmi hekk kif ir-raġel kien f’relazzjoni għal xi xhur mal-vittma li għandha 15-il sena. Dan qalu l-avukat tad-difiża Alfred Abela li kien dak li talab għal divjett fuq isem l-akkużat.

Fil-Qorti r-raġel ġie akkużat fost affarijiet oħra li wettaq attivitajiet sesswali ma’ minuri ta’ 15-il sena, li pprova jweħħel f’raġel ieħor li stupra b’mod vjolenti lill-minuri, u li beżża’ lill-minuri li se tintuża vjolenza fil-konfront tagħha jew ta’ qraba tagħha.

Huwa ġie akkużat ukoll li naqas milli josserva l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħata f’Novembru li għadda u għaldaqstant tilef il-garanzija personali biex jingħata l-ħelsien. Ir-raġel ġie arrestat ilbieraħ u nstab li kien fil-pussess tad-droga kannabis u kokaina. Ir-raġel huwa wkoll reċidiv.

L-avukat tad-difiża ma għamilx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kylie Borg u John Spiteri, filwaqt li għall-akkużat deher l-avukat Alfred Abela. Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea.