Akkużat li kellu fuqu d-droga waqt festa; ħelsien mill-arrest

Raġel ta’ 27 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie akkużat li l-Ħadd li għadda fil-festa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina li allegatament ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Fil-Qorti, il-presekuzzjoni spjegat li l-Pulizija talbet lill-ħwienet u l-każini biex jagħlqu meta sar ċertu ħin. Il-Pulizija nnutat grupp ta’ żgħażagħ jimxi minn bar għall-ieħor biex ikompli ċ-ċelebrazzjonijiet. Fost dawn iż-żgħażagħ kien hemm persuna li bdiet taġixxi b’mod suspettuż. Wara tfittxija li saret fuq din il-persuna rriżulta li dan ma kellu l-ebda sustanza fuqu għalhekk huwa nħeles mill-arrest.

Kif ħareġ mill-għassa r-raġel iltaqa’ mal-akkużat u l-akkużat rema pakkett tas-sigarretti mgħaffeġ. Meta l-pulizija fetħet il-pakket sabet li kien fih disa’ pakketti f’total ta’ 4.6 grammi allegatament kokaina. L-akkużat ġie arrestat u waqt l-interrogazzjoni iddeċieda li ma jitkellimx.

Fil-Qorti l-presekuzzjoni spjegat li Vella għadu kemm telaq minn programm ta’ riabilitazzjoni tad-droga l-ġimgħa li għaddiet. Min-naħa tiegħu l-akkużat ċaħad kull akkuża li kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina. L-Avukat difensur talbet il-ħelsien mill-arrest tal-akkużat. Hija spjegat li r-raġel m’għandux minn fejn iħallas id-depożitu iżda lest li joqgħod għall-ordni ta’ superviżjoni. Ir-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija ta’ €7,000.