Akkużat li ħebb għal pulizija u li saq bla liċenzja; jinżamm arrestat

Raġel li allegatament kien ħebb għall-Pulizija wara li saq bla liċenzja u reġistrazzjoni, inżamm arrestat.

Ir-raġel ta’ 34 sena kien twaqqaf minn żewġ Pulizija tat-traffiku fi Triq Mikiel Anton Vassalli f’San Ġiljan. L-uffiċjali nnutaw li m’għandux liċenzja u lanqas numru ta’ reġistrazzjoni. Is-sitwazzjoni eskalat, u l-pulizija spiċċaw bi ġrieħi ħfief.

Aqra: Arrestat wara li ħebb għall-Pulizija

Huwa qal li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, li huma li hedded lill-Pulizija, ħebb għalihom u weġġagħhom ħafif. Apparti minn hekk, ġie akkużat li kien qed isuq mingħajr liċenzja u reġistrazzjoni, li ma kkoperax mal-Pulizija, u talli kien riċediv.

Il-Prosekutur qal li kien diġà involut f’inċident f’Raħal Ġdid fit-2 ta’ Settembru. Għalkemm kien wiegħed li se jieħu ħsieb id-danni, baqa’ qatt ma kkuntattja lill-persuna l-oħra.

Minn naħa l-oħra, l-avukat tiegħu qal li ma setgħax iġedded il-liċenzja peress li kellu wisq punti skont is-sistema kurrenti. Qal ukoll li r-raġel huwa raġel tal-familja u li skuża ruħu mal-uffiċjali wara l-inċident.

Il-Qorti ddeċidiet li jinżamm taħt l-arrest u qabbdet espert biex jinvestiga l-allegazzjoni tar-raġel li ntużat forza eċċessiva minn naħa tal-pulizija li kienu involuti fl-inċident.