Akkużat li ħa flus mill-kumpanija li tħaddmu; jinżamm arrestat

REUTERS/Thomas Peter

Raġel ta’ 38 sena residenti Ħaż-Żebbuġ baqa’ jinżamm taħt arrest wara li l-Pulizija akkużatu li ħa flus li suppost kienu sejrin lejn il-kumpanija li kienet tħaddmu. Ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu ta’ ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ każ ieħor billi kkommetta reat ieħor.

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel ġie akkużat li kien qed jaħdem ma’ kumpanija tal-marketing Raketech Group Limited. Din il-kumpanija kellha tirċievi xi flus mill-klijent Videoslots Limited, liema flus minflok daħlu fil-kont bankarju tal-kumpanija allegatament daħlu fil-kont tal-akkużat. L-akkużat wieġeb mhux ħati.

Id-difiża tgħid li l-akkużi messhom iddaħlu mal-każ ta’ qabel; talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda

L-avukat tad-difiża qal li dawn l-aħħar akkużi kien messhom iddaħħlu mal-każ li diġà qed jinstema’ fil-konfront tal-akkużat. Qal ukoll li ma nġibux il-provi kollha neċessarji biex l-akkużat jiġi dikjarat ħati u allura jkun hemm il-prużunzjoni tal-innoċenza. Għalhekk id-difża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ma ġietx milqugħa mill-Qorti.

Id-difiża talbet ukoll lill-Qorti biex ikun hemm divjett fuq l-isem tal-imputat peress li wieħed mill-qraba tiegħu huwa involut fil-politika. Il-Qorti ma laqgħetx din it-talba.

Xi skopriet il-Pulizija?

Fil-Qorti l-prosekuzzjoni qal li minn investigazzjoni li saret mill-kumpanija involuta, instab li xi ħadd kien biddel in-numru tal-kont tal-bank mill-internet. Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija nstab li l-kont il-ġdid kien kont tal-bank tal-akkużat li għandu mal-bank onlajn Revolut.

Il-prosekuzzjoni fakkret kif l-akkużat kien diġà tressaq il-Qorti f’Marzu li għadda fuq akkużi li saru fil-konfront tiegħu mill-istess kumpanija – Raketech Group Limited. Fakkret li l-akkużat kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’Marzu u li r-reat il-ġdid li qed jiġi akkużat bih seħħ bejn Mejju u Ġunju li għadda. Kompliet tgħid li l-akkużat kien imur jiffirma fl-Għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ kull nhar ta’ Sibt u li l-arrest sar ilbieraħ.

Il-prosekuzzjoni kienet kontra li l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest peress li għamel reat fil-perjodu li fih kien diġà ngħata l-ħelsien mill-arrest, peress li hemm biża’ minħabba l-integrità tal-provi, u li l-akkużat jikkomunika max-xhieda.

L-avukat tad-difiża qal li dawn l-aħħar akkużi setgħu kienu parti mill-evidenza li qed tinġieb fl-ewwel kawża u li setgħet tintalab li ssir emenda fl-ewwel kawża. Qal li ma kienx inkwetat minħabba l-provi peress li din kienet evidenza elettronika.

Qal li qed jiġi allegat li saru logins mill-akkużat però li minkejja li d-difiża talbet biex tara t-timestamp ta’ dawn il-logins biex isiru jafu minn fejn saru, din l-informazzjoni għadha ma ġietx ipprovduta lilhom.

Id-difiża qalet ukoll li l-akkużat kien dejjem mar jiffirma fil-ħin fl-Għassa u li ma kienx hemm riskju li dan jaħrab. Il-prosekuzzjoni qalet li fl-ebda ħin ma qalet li kien hemm riskju li l-akkużat jaħrab.

Kieku baqa’ arrestat mill-ewwel m’aħniex qegħdin hawn – parte ċivile

L-avukat tal-parte ċivile qal li kieku l-akkużat ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest mal-ewwel darba li deher il-Qorti b’rabta ma’ dawn l-akkużi, kieku dawn l-aħħar reati ma kienux ikunu saru. Qal ukoll li hemm biża’ konsiderevoli li jekk l-akkużat jerġa’ jinħeles mill-arrest, jitwettaq reat ieħor simili.

Kif intuża Revolut?

Waqt li l-akkużat kien qed jiġi interrogat, il-Pulizija kienet qed tifli l-mobile tiegħu li fih kienet installata l-app tal-bank Revolut. Meta marru biex ifittxu t-tranżazzjonijiet b’rabta mal-każ dawn ma nstabux. Però, l-app toffri possibiltà li ċertu tranżazzjonijiet ikunu ‘moħbija’ (hidden). Meta dawn it-tranżazzjonijiet ‘moħbija’ ġew żevalti dawn it-tranżazzjonijiet dehru. Mistoqsi mill-Pulizija għalfejn dawn kienu ‘moħbija’, l-akkużat ma weġibx.

Skont il-Pulizija, l-akkużat kien jagħmel ukoll tranżazzjonijiet minn ATMs f’Malta dakinhar stess jew l-għada li jkun daħlulu l-flus mill-klijent tal-kumpanija.

Id-difiża qalet li l-akkużat ma kienx jaf li dawn it-tranżazzjonijiet kienu ‘moħbija’.