Akkużat li bagħat 30 messaġġ b’theddid ta’ mewt lill-eks sieħba

Raġel ta’ 45 sena ġie akkużat li bagħat madwar 30 messaġġ b’theddid ta’ mewt lill-eks sieħba tiegħu.

Fil-Qorti, ir-raġel li joqgħod Ħ’Attard u li ma jaħdimx wieġeb mhux ħati. B’kollox qed jaffaċċja 7 akkużi.

Skont il-prosekuzzjoni, ir-raġel bagħat madwar 40 messaġġ b’theddid lill-eks sieħba tiegħu, il-maġġoranza b’theddida għall-ħajja tal-mara. F’wieħed minnhom qal li kien se jtiha daqqa ta’ mus.

Il-vittma qalet li meta temmet ir-relazzjoni mar-raġel, dan ħadha ħażin. Beda jibgħatilha numru ta’ messaġġi u saħansitra mar fuq il-post tax-xogħol tagħha. Il-mara spiċċat imbeżża’.

Id-difiża talbet lill-Qorti biex teħles lir-raġel mill-arrest. L-avukata qalet li r-raġel kien ilu xi ħames snin ma jkollu każ il-Qorti u li “kien sejjer tajjeb ħafna.” Qalet li huwa joqgħod f’shelter f’Ħ’Attard. Żiedet tgħid li se ssirlu operazzjoni u li t-tobba jafu jċeplulu mil-lum għall-għada dwarha. Temmet tgħid li r-raġel lest li ma jersaqx lejn il-vittma.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsein mill-arrest tal-imputat. Qalet li ma jkunx għaqli li jsir dan minħabba l-gravità tal-każ. Żiedet tgħid li l-imputat għandu problema bix-xorb – meta jixrob jitlef il-kontroll. B’referenza għall-kondotta tiegħu, l-ispettur qal li l-akkużat ma tanx huwa ta’ min jafdah.

Il-Maġistrat Josette Demicoli ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u l-qraba tagħha.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion. L-avukata tal-għajnuna legali kienet Graziella Tanti.