Akkużat li abbuża minn studenta; ħelsien mill-arrest

Read in English.

Raġel li kien qed jospita żewġ studenti barranin f’daru tressaq il-qorti akkużat li abbuża sesswalment minn waħda mit-tfajliet. Fil-Qorti ħareġ kif ir-raġel daħal fil-kamra li kienet allokata lill-istudenti u beda jmiss tfajla minnhom li għandha 14-il sena. Il-prosekuzzjoni qalet li allegatament ir-raġel tela’ fil-kamra għall-ħabta tat-3am.

It-tfajla spjegat dak li ġara permezz ta’ video conference. Hija qalet li kienet rieqda fis-sodda ta’ taħt tal-bunk bed fis-sular ta’ fuq fid-dar tal-akkużat. Spjegat li allegatament r-raġel daħal fil-kamra u beda jmissha. It-tfajla kompliet li malli qamet ir-raġel telaq mill-kamra. Meta mistoqsija dwar kif kienet taf li kien l-akkużat, it-tfajla qalet li xħin qamet rat wiċċu.

Hija spjegat li r-raġel niżżlilha l-piġama u beda jagħfsilha sidirha. Fil-Qorti ġiet ippreżentata l-libsa li kienet liebsa l-allegat vittma li kienet forma ta’ tshirt wiesa’. It-tfajla qalet li meta missilha sidirha huwa kien lejn in-nofs tas-sodda u beda jersaq lejha.

Xħin it-tfajla bdiet tirrakkonta dak li ġara ir-raġel deher jibki bil-mod. It-tfajla kompliet li wara li telaq huwa rritorna bix-xugamani u poġġiehom barra l-kamra. Hija spjegat li l-kamra ma għandhiex bieb.

L-istudenta żiedet li r-raġel kien liebes tshirt aħmar u kienet beżagħna ħafna. Kif tefa d-dawl hija qalet li qajmet lill-ħabiba tagħha u talbitha torqod magħha. Kompliet li din kienet l-ewwel darba li xi ħadd qabdilha sidirha u li fid-dar ma kienx hemm persuna maskili oħra.

L-allegata vittma penġiet il-kamra kif inhi u din ġiet eżaminata mid-difiża. Meta mistoqsija x’kienet għamlet il-ġurnata ta’ qabel, hija spjegat x’kienet għamlet sal-ħin li daħlet torqod. L-avukat difensur qal li ma jistax ikun li jekk ir-raġel kien lejn in-nofs tas-sodda qabdilha sidirha. Hija qalet li r-raġel kien qed jintelaq fuqha.

Fid-dawl li l-istudenta dalwaqt se tkun qed titlaq minn Malta, il-Qorti ddeċidiet li r-raġel jingħata ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €300 u jrid jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa.

Il-Qorti ordnat li jkun hemm divjett fuq l-ismijiet kemm tat-tfajla kif ukoll tal-akkużat.