Akkużat li abbuża 4 ibniet fl-Armier; jinżamm arrestat

Read in English.

Raġel ta’ 63 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużat li abbuża lil erbat ibniet taħt l-età fl-Armier.

Fil-Qorti nstema’ kif Joseph Ebejer minn Ħal Kirkop allegatament abbużahom f’Diċembru li għadda. Hu qed iwieġeb mhux ħati.

L-avukat tad-difiża Joseph Brincat talab lill-Qorti biex tordna divjett fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-allegati vittmi u tal-imputat. Il-Prosekuzzjoni qablet ma’ divjett fuq l-isem tal-vittmi però kienet kontra li jiġi protett l-isem tal-akkużat. Il-Pulizija qalet li jekk joħroġ l-isem ta’ Ebejer, jaf ikun hemm aktar vittmi tiegħu li jsemmgħu leħinhom.

L-akkużat kien instab ħati ta’ akkużi simili fil-passat.

Il-Maġistrat Astrid Grima qalet li isem Ebejer jista’ jixxandar però mhux dak tal-bniet.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat ġiet miċħuda.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi John Spiteri u Clayton Camilleri.

L-avukati Arthur Azzopardi u Rene Darmanin dehru għall-vittmi.