Akkużat jipprova jaħrab mill-Qorti

Raġel akkużat li seraq handbag illum ipprova jaħrab mill-Qorti waqt pawża fis-smigħ, wara li wieġeb ħati għall-akkużi.

Ir-raġel ta’ 44 sena li ma jaħdimx u joqgħod Ħaż-Żabbar kien wieġeb ħati għall-akkużi fil-konfront tiegħu ta’ serq aggravat, li weġġa’ ħafif lill-vittma u li hu riċediv, meta fettillu jipprova jaħrab mill-Qorti waqt intervall ta’ 5 minuti li tat il-Maġistrat Rachel Montebello biex jerġa’ jaħseb dwar it-tweġiba tiegħu.

L-uffiċjali tal-Pulizija rnexxielhom jaqbduh u ħaduh lura fl-awla tal-Qorti, fejn l-Avukatessa Yanika Bugeja li kienet qed tidher għall-akkużat infurmat lill-Qorti li hu rrifjuta l-assistenza tagħha u ma kkonsultax magħha qabel ma wieġeb ħati.

Din is-serqa ġrat fl-14 ta’ Diċembru filgħaxija fi Triq il-Kunvent f’Ħaż-Żabbar, fejn l-akkużat kien għafas subgħu fuq għonq mara biex jipprova jisirqilha l-handbag. Hija rreżistietu, u weġġgħet fil-proċess, u hu rnexxielu jisirqilha l-handbag.

Il-Maġistrat Rachel Montebello kkonkludiet li l-akkużat huwa ħati u kkundannatu għal 3 snin żmien ta’ prova. Hija wissietu li jekk jikser il-liġi fit-3 snin li ġejjin, huwa jiġi kkastigat anke talli pprova jaħrab mill-ġustizzja billi ħarab mill-awla waqt is-smigħ.