Akkużat b’serq ta’ arloġġi ħmistax wara li ngħata l-ħelsien

Raġel li qed jiġi akkużat b’serq ta’ ħames arloġġi minn ħanut f’Raħal Ġdid inżamm arrestat wara li ħmistax ilu kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq akkużi oħra.

Ir-raġel li għandu 35 sena u li huwa minn Raħal Ġdid stess ġie identifikat mill-kameras tas-sigurtà kif ukoll mid-deskrizzjoni li tat l-impjegata li kienet fil-ħanut dak il-ħin tas-serqa. It-tpinġija fuq id l-akkużat kompliet tissustanzja s-suspetti tal-Pulizija.

Huwa wieġeb li mhux ħati iżda l-Qorti permezz tal-Maġistrat Rachel Montebello ċaħdet it-talba għal ħelsien mill-arrest wara li kkunsidrat li r-raġel kien diġà ngħata l-ħelsien mill-arrest f’Mejju u Ottubru li għadda u xorta reġa’ spiċċa l-Qorti.