Akkużat b’serq minn appartamenti; jinżamm arrestat

Raġel ta’ 24 sena nżamm arrestat wara li tressaq fuq akkużi ta’ serq aggravat.

Huwa maħsub li r-raġel li huwa mill-Georgia jagħmel parti minn grupp ta’ ħallelin li daħlu f’erba’ residenzi minn Frar li għadda sal-lum.

Ir-raġel li ma jaħdimx qal lill-awtoritajiet li ma għandux indirizz fiss.

Huwa deher quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace b’4 akkużi ta’ serq.

Il-Pulizija qalet lill-Qorti li r-raġel kien ikkometta serq minn appartamenti fl-Imsida u San Pawl il-Baħar fi Frar u Mejju, filwaqt li prova jidħol f’appartament fil-Fgura f’Ġunju. Huwa ġie arrestat wara l-investigazzjonijiet li saru mis-CID.

Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, iżda ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.