Akkużat b’pornografija tat-tfal hu u dieħel il-ħabs minħabba passaport

Read in English.

Raġel ta’ 34 sena mit-Togo wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih fil-Qorti li huwa kellu materjal fil-pussess tiegħu li jixhed involviment fil-pornografija tat-tfal. Skont il-Prosekuzzjoni, Ahmid Rabu kellu vidjo ta’ tarbija fuq il-mowbajl tiegħu. Dan il-materjal instab waqt li r-raġel kien qed jiġi eżaminat biex jidħol fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fuq offiża relatata ma’ passaport.

Dalgħodu Rabu tressaq quddiem il-Qorti mill-Ispettur Roxanne Tabone u l-Ispettur Paul Camilleri. Ir-raġel, li huwa diżokkupat, deher quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech u kellu jwieġeb għall-akkużi li pprokura u kien fil-pussess ta’ pornografija tat-tfal.

Rabu allegatament kien qed iġorr ħames mowbajls waqt li kien għaddej miċ-check-in tal-ħabs. Huwa kien qed jiddaħal il-ħabs fuq offiża relatata ma’ passaport.

L-Avukat li deher għall-akkużat kien Joe Mifsud. Dan ikkontesta l-validità tal-arrest hekk kif saħaq li l-arrest kellu jkun fuq il-passaport u li “l-akkużat ma kellu xejn minn dak li kien qed jingħad fil-pussess tiegħu”.

Hekk kif l-akkużi miġjuba kontra Rabu tqiesu ta’ natura gravi, il-Qorti saħqet li l-arrest huwa wieħed validu. Bħala difiża, l-Avukat Mifsud staqsa jekk il-vidjo li qed jixli lill-akkużat ġiex miġbud Malta. Għal din id-domanda, il-Qorti ma tatx tweġiba u qalet li dan l-istadju ma jagħtix lok għal domandi bħal dawn.

Fl-aħħar nett saret talba għal libertà proviżorja minkejja li l-akkużat għadu miżmum il-ħabs. L-Avukat Mifsud saħaq li mhux qed issir ġustizzja ma’ Rabu ladarba l-evidenza kienet imneħħija mill-mowbajl u li ġiet aċċessata biss permezz ta’ ri-attivazzjoni mill-esperti.

Dwar it-talba għal libertà proviżorja, il-Qorti qalet li għandha toħroġ digriet meta jkun il-waqt adattat.