Akkużat b’attentat ta’ qtil ta’ martu b’martell; iwieġeb mhux ħati

Read in English.

Ir-raġel akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ martu b’martell fil-Mellieħa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Dalgħodu tressaq il-Qorti r-raġel ta’ 61 sena mill-Mellieħa li qed jiġi akkużat bil-bidu tal-eżekuzzjoni ta’ qtil volontarju ta’ martu, liema delitt ma ġiex eżegwit minħabba xi ħaġa aċċidentali.

Il-każ seħħ nhar it-Tnejn għall-ħabta ta’ nofsinhar wara li l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Qasam Barrani, viċin il-Bajja tal-Prajjiet. Il-Pulizija hemm sabet mara ta’ 61 sena mimlija demm, li kienet għadha kemm sofriet ġrieħi ta’ martell f’rasha u f’wiċċa. Hi tħalliet fil-periklu tal-mewt kawża ta’ dan.

Intant, il-Pulizija arrestat raġel fuq il-post, filwaqt li elevat martell bħala parti mill-investigazzjonijiet.

Aqra: Mara fil-periklu tal-mewt wara daqqiet ta’ martell fil-Mellieħa

Hu tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fejn ġie akkużat ukoll li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi lill-mara. Hu ġie akkużat ukoll li kellu fuqu arma taqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja. Ġie akkużat ukoll li hedded lill-mara.

Ir-raġel li huwa penzjonant u jaħdem ir-raba wieġeb mhux ħati tal-imputazzjonijiet miġjuba fil-konfront tiegħu. Id-difiża talbet li l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat li fid-dawl ta’ natura serja tal-akkużi u li għad hemm persuni li jridu jixhdu hu ma għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Min-naħa tagħha, il-Maġistrat ikkunsidrat in-natura serja tal-każ u ċaħdet il-ħelsien mill-arrest tar-raġel. Intant talbet lill-prosekuzzjoni sabiex ittella’ x-xhieda pajżana sabiex jixhdu fl-ewwel seduta li jmiss. Il-Qorti ordnat li r-raġel jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli fuq talba tad-difiża mhux opposta mill-prosekuzzjoni. Intant, il_Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni assoluta għall-vittma tal-każ matul il-proċeduri kollha.