​Akkużat bi vjolenza domestika u li seraq il-kelb tal-eksmara

Fil-Qorti raġel ġie akkużat li hedded lill-eksmara tiegħu, li għamel rapport falz lill-Pulizija, li darab lilha u lil bintu b’mod ħafif, u li serqilha l-kelb.
Il-Qorti semgħet kif ir-raġel li huwa legalment separat, kellu jitlaq mid-dar matrimonjali iżda baqa’ qatt ma telaq. Allegatament ir-raġel faqa’ l-bieb tad-dar meta pprova jattakka lill-eksmara tiegħu, u anke rrapporta lill-Pulizija li l-mara kellha d-droga fid-dar.
L-avukat tiegħu talab għal-libertà proviżorja għax qal li l-akkużat ma għamilx reati serji, u li kien se jibda jgħix m’ommu minħabba ċ-ċirkostanzi tal-każ.
Madanakollu l-ispettur li mexxa l-każ sostna li hemm ukoll sensiela ta’ inċidenti ta’ vjolenza domestika fil-konfront tal-akkużat, u ddeskriva dan bħala każ ċar ta’ vjolenza domestika.
Hawnhekk il-Maġistrat ordna lir-raġel biex jitlaq lill-mara waħidha jekk irid jingħata libertà proviżorja. Il-Qorti ordnatlu wkoll jipprovdi garanzija personali ta’ €10,000 u depożitu ta’ €5,000 f’każ li jikser xi kundizzjoni. Huwa ngħata ordni biex ma jersaqx lejn il-lokalità ta’ fejn tinsab ir-residenza matrimonjali, u lanqas fil-lokalità fejn taħdem il-mara.
Inħareġ ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-mara u bintu.