Akkużat bi traffikar ta’ droga f’restorant f’Marsaskala

Read in English.

Sid ta’ restorant f’Marsaskala ngħata l-libertà proviżorja wara li ġie akkużat bi traffikar tad-droga u ħasil ta’ flus fis-sit tan-negozju tiegħu.

Kollox beda minn tfittxija li saret mill-uffiċjali tal-Pulizija fir-restorant f’Settembru li għadda fejn instabu ammont żgħir ta’ droga kannabis. Madankollu, waqt it-tfittxija żewġ persuni nqabdu fil-fatt jabbużaw mid-droga, filwaqt li dak il-ħin ukoll tnejn oħra ġew iħabbtu mal-bieb biex allegatament jixtru d-droga.

F’dan il-ħin ingħaqdu wkoll fit-tfittxija uffiċjali mill-Iskwadra tad-Droga li bl-għajnuna tal-klieb tagħhom sabu 15-il gramma kannabis, 47 gramma kokaina u 17-il gramma reżina tal-kannabis flimkien ma’ ammont sostanzjali ta’ flus kontanti li kienu moħbija wara sink.

Mir-restorant it-tfittxija kompliet fir-residenza tar-raġel f’Ħaż-Żabbar fejn instabet iktar droga, filwaqt li nstabu wkoll €235,000 fi flus kontanti maqfula f’safe u għaldaqstant ir-raġel ġie akkużat ukoll b’ħasil ta’ flus.

Ir-raġel li għandu 54 sena ġie akkużat ukoll li ressaq id-droga f’distanza ta’ 100 metru bogħod minn post frekwentat miż-żgħażagħ kif ukoll li ma ssottomettix id-dokumenti tat-taxxa fl-aħħar erba’ snin.  

L-akkużat, li huwa wkoll reċediv, wieġeb li mhux ħati. Il-Maġistrat Gabriella Vella laqgħet it-talba għal ħelsien mill-arrest temporanju sakemm isiru iktar investigazzjonijiet bil-kundizzjoni li huwa jiffirma kuljum l-għassa u jħallas depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Il-Qorti ffriżatlu wkoll l-assi u ħallietlu biss total ta’ €13,976 fis-sena.